(Translated by https://www.hiragana.jp/)
Ferrara - Wikipedija Aqbeż għall-kontentut

Ferrara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ferrara
 Italja
Amministrazzjoni
PajjiżItalja
Region of ItalyEmilia-Romagna
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Ferrara
Isem uffiċjali Ferrara
Ismijiet oriġinali Ferrara
Kodiċi postali 44121–44124
Ġeografija
Koordinati 44°50′07″N 11°37′12″E / 44.835297°N 11.619865°E / 44.835297; 11.619865Koordinati: 44°50′07″N 11°37′12″E / 44.835297°N 11.619865°E / 44.835297; 11.619865
Ferrara is located in Italy
Ferrara
Ferrara
Ferrara (Italy)
Superfiċjenti 405.16 kilometru kwadru
Għoli 9 m
Fruntieri ma' Baricella (en) Translate, Bondeno (en) Translate, Copparo (en) Translate, Ficarolo (en) Translate, Masi Torello (en) Translate, Ostellato (en) Translate, Riva del Po (en) Translate, Tresignana (en) Translate, Voghiera (en) Translate, Argenta (en) Translate, Canaro (en) Translate, Occhiobello (en) Translate, Poggio Renatico (en) Translate, Vigarano Mainarda (en) Translate, Portomaggiore (en) Translate, Gaiba (en) Translateu Stienta (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 129,340 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0532
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Giessen (en) Translate, Koper (en) Translate, Kaunas, Formia (en) Translate, Highland Park (en) Translate, Kaufbeuren (en) Translate, Krasnodar (en) Translate, Saint-Étienne, Sarajevo, Swansea (en) Translate, Tartu, Szombathely (en) Translate, Žilina (en) Translate, Kallithea (en) Translate, Lleida, Praga, Broni (en) Translate, Brno, Daugavpils, Sevastopol, Soroca (en) Translate, Craiova, Bitola (en) Translate, Dobrich (en) Translate, Novi Sad, Shkodër (en) Translate, Damasku, Venticano (en) Translate, Baranavichy (en) Translateu San Nicola Manfredi (en) Translate
comune.fe.it

Ferrara ([ferˈraːra]; bl-Emiljan: Fràra [ˈfraːra]) hija belt u komun fl-Emilia-Romagna, fit-Tramuntana tal-Italja. Hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Ferrara. Sal-2016 kellha 132,009 abitant. Tinsab 44 kilometru fil-Grigal ta' Bologna, fuq il-Po di Volano, fergħa tal-fluss prinċipali tax-xmara Po, li tinsab ħames kilometri fit-Tramuntana. Il-belt għandha toroq wesgħin u bosta binjiet li jmorru lura għar-Rinaxximent, meta l-belt ospitat il-qorti tal-familja D'Este. Iċ-ċentru storiku ta' Ferrara u l-inħawi ta' fejn id-delta tal-Po ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għas-sbuħija u l-importanza kulturali tagħhom.[1]

Żmien il-Qedem u Medju Evu

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel insedjamenti ddokumentati fiż-żona ta' fejn illum hemm il-Provinċja ta' Ferrara jmorru lura għas-seklu 6 Q.K. Il-fdalijiet tar-raħal tal-Etruski msejjaħ Spina, stabbilit tul il-laguni tad-delta antika tax-xmara Po, intilfu sa żminijietna, sa meta skemi ta' drenaġġ fil-widien u fl-imraġ ta' Comacchio fl-1922 żvelaw uffiċjalment għall-ewwel darba nekropoli b'iżjed minn 4,000 qabar, li kienet evidenza ta' popolazzjoni li kienet tgħix hemmhekk fi żmien il-qedem u x'aktarx li kellha rwol importanti x'taqdi.

Hemm inċertezza fost l-istudjużi dwar l-oriġini Rumana proposta tal-insedjament fil-post attwali (Tacito u Boccaccio jirreferu għal "Forum Alieni"), peress li ma tantx nafu wisq dwar dan il-perjodu, iżda xi evidenza arkeoloġika xxaqleb favur l-ipoteżi li Ferrara setgħet oriġinat minn żewġ insedjamenti Biżantini żgħar: raggruppament ta' faċilitajiet madwar il-Katidral ta' San Ġorġ, fuq ix-xatt tal-lemin tal-fergħa prinċipali tax-xmara Po, li dak iż-żmien kien ferm eqreb tal-belt milli huwa llum, u castrum, jiġifieri kumpless iffortifikat fuq ix-xatt tax-xellug bħala difiża kontra l-Longobardi.

Ferrara tissemma għall-ewwel darba f'dokument tar-re tal-Longobardi Desiderju tas-753 W.K., meta ħakem ir-raħal mill-Eksarkat ta' Ravenna. Iktar 'il quddiem, il-Franki, wara li ħakmu lil-Longobardi, ippreżentaw lil Ferrara lill-Papat fis-754 jew fis-756. Fid-988 Ferrara ġiet ċeduta mill-Knisja lill-familja Canossa, iżda mal-mewt ta' Matilda tat-Toskana fl-1115, saret komun ħieles. Matul is-seklu 12 l-istorja tar-raħal kienet ikkaratterizzata minn żewġ familji prominenti jissieltu għall-poter, l-Adelardi tal-Gwelfi u s-Salinguerra tal-Gibellini. Il-familja D'Este kienet setgħana u appoġġat lis-Salinguerra u eventwalment ħasdu l-frott tal-benefiċċji mir-rebħa tagħhom għalihom infushom. B'hekk, fl-1264, Obizzo II D'Este ġie pproklamat mexxej ta' Ferrara għal ħajtu kollha, u ngħata titli addizzjonali, fosthom dawk ta' Sinjur ta' Modena fl-1288 u ta' Reggio fl-1289. It-tmexxija tiegħu mmarkat it-tmiem tal-perjodu komunali f'Ferrara u l-bidu tat-tmexxija tal-familja D'Este, li damet sal-1598.

Żmien modern bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1452, Borso D'Este sar id-Duka ta' Modena u ta' Reggio permezz tal-Imperatur Federiku III u fl-1471 sar id-Duka ta' Ferrara permezz tal-Papa Pawlu II. Lionello u, speċjalment, Erkole I kienu fost l-iktar patruni importanti tal-arti fl-aħħar tas-seklu 15 u l-bidu tas-seklu 16. Matul dan iż-żmien, Ferrara saret ċentru kulturali internazzjonali, u saret rinomata għall-arkitettura, għall-mużika, għal-letteratura u għall-arti viżivi.

L-arkitettura ta' Ferrara ibbenefikat ferm mill-ġenju ta' Biagio Rossetti, li fl-1484 ġie mitlub minn Erkole I biex ifassal pjan direzzjonali ewlieni għall-espansjoni tar-raħal. Iż-"Żieda Erkoljana" li rriżultat titqies bħala waħda mill-iżjed eżempji importanti ta' ppjanar urban Rinaxximentali u kkontribwiet biex Ferrara tintgħażel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Minkejja li kienet għaddejja minn epoka tad-deheb, Ferrara ntlaqtet sew minn gwerra kontra Venezja li ġġieldet u tilfet fl-1482-1484. Alfonso I kien is-suċċessur fuq it-tron fl-1505 u żżewweġ lill-famuża Lucrezia Borgia. Mill-ġdid iġġieled kontra Venezja fil-Gwerer Taljani wara li ngħaqad mal-Lega ta' Cambrai. Fl-1509 ġie skomunikat mill-Papa Ġulju II, iżda rnexxielu jegħleb l-armati Papali u Spanjoli fl-1512 fil-Battalja ta' Ravenna. Dawn is-suċċessi kienu bbażati fuq l-artillerija ta' Ferrara, li kienet prodotta fil-fonderija tal-belt stess li kienet fost l-aqwa dak iż-żmien.

Mal-mewt tiegħu fl-1534, is-suċċessur ta' Alfonso I kien ibnu Erkole II, u ż-żwieġ tiegħu fl-1528 mat-tieni bint ta' Lwiġi XII, Renée ta' Franza, ġab prestiġju kbir għall-qorti ta' Ferrara. Taħt ir-renju tiegħu, id-Dukat baqa' post affluwenti u ta' poter kulturali. Madankollu, terremot heżżeż ir-raħal fl-1570 u wassal biex l-ekonomija tikkollassa. Meta iben Erkole II, Alfonso II, miet mingħajr ma ħalla werrieta, il-familja D'Este tilfet lil Ferrara li għaddiet għand l-Istati Papali.

Żmien modern aħħari u kontemporanju

[immodifika | immodifika s-sors]

Ferrara, belt universitarja li tiġi t-tieni biss wara Bologna, baqgħet parti mill-Istati Papali għal kważi 300 sena; epoka mmarkata minn deklin kostanti. Fl-1792, il-popolazzjoni tar-raħal kienet tammonta biss għal 27,000 ruħ, inqas milli fis-seklu 17. Fl-1805-1814 għal żmien qasir kienet parti mir-Renju tal-Italja ta' Napuljun, stat klijent tal-Imperu Franċiż. Wara l-Kungress ta' Vjenna tal-1815, Ferrara ngħatat lura lill-Papa, li mbagħad kellu l-garanzija mill-Imperu tal-Awstrija. Fortizza b'bastjun inbena fis-seklu 17 mill-Papa Pawlu V fis-sit ta' Castel Tedaldo, kastell antik fil-Lbiċ tar-raħal, u dan kien okkupat minn gwarniġġjon Awstrijaku mill-1832 sal-1859. Il-fortizza ġiet meqruda għalkollox mat-twelid tar-Renju tal-Italja u l-brikks tiegħu ntużaw għal kostruzzjonijiet ġodda mar-raħal kollu.

Fl-aħħar deċennji tas-sekli 19 u l-bidu tas-seklu 20, Ferrara baqgħet ċentru kummerċjali mudest permezz tal-periferija rurali kbira tagħha li kienet tiddependi fuq għelejjel kummerċjali bħall-pitrava zokkrija u l-qanneb industrijali. Għal deċennji sħaħ twettqu xogħlijiet kbar ta' rkupru tal-art bl-għan li r-raba' disponibbli jitwessa' u tiġi eradikata l-malarja mill-artijiet mistagħdra tul id-delta tax-xmara Po. L-industrijalizzazzjoni tal-massa waslet f'Ferrara lejn l-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20 biss bl-istabbiliment ta' impjant kimiku mir-reġim Faxxista li suppost kellha tforni lir-reġim b'lastiku sintetiku. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Ferrara ġiet ibbumbardjata darba wara l-oħra mill-ajruplani tal-gwerra tal-Alleati li mmiraw lejn il-kollegamenti ferrovjarji u l-faċilitajiet industrijali u qerduhom. Wara l-gwerra, iż-żona industrijali f'Pontelagoscuro ġiet imwessa' biex issir impjant ġgantesk tal-prodotti petrokimiċi mħaddem minn Montecatini u kumpaniji oħra, li fl-aqwa tiegħu kien jimpjega 7,000 ħaddiem u kien jipproduċi 20% tal-plastik fl-Italja. F'dawn l-aħħar deċennji, bħala parti minn xejra ġenerali fl-Italja u fl-Ewropa, Ferrara bdiet tiddependi iktar fuq is-settur terzjarju u fuq it-turiżmu, filwaqt li l-industrija tqila, li għadha preżenti fir-raħal, tnaqqset ferm.

Wara kważi 450 sena, terremot ieħor heżżeż lil Ferrara f'Mejju 2012 u kkawża ħsara limitata biss lill-binjiet storiċi tar-raħal u ma kien hemm l-ebda vittma.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċentru storiku ta' Ferrara u l-inħawi ta' fejn id-delta tax-xmara Po ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Ġeografija u klima

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal ta' Ferrara jinsab fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tax-xmara Po, madwar 44 kilometru fil-Grigal tal-belt kapitali reġjonali, Bologna, u 87 kilometru fin-Nofsinhar ta' Venezja. It-territorju tal-muniċipalità, li kollu kemm hu jagħmel parti mill-pjanura Padana, huwa pjuttost ċatt, u jinsab bħala medja disa' metri biss 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-prossimità mal-ikbar xmara Taljana kienet tħassib kostanti fl-istorja ta' Ferrara, li ġiet affettwata minn għargħar rikorrenti u diżastrużi. L-iktar għargħar reċenti kien dak tal-1951. Il-kollegamenti tal-Idrovia Ferrarese jikkollegaw ix-xmara Po minn Ferrara mal-Baħar Adrijatiku f'Porto Garibaldi.

Il-klima tal-wied tax-xmara Po hija kklassifikata bħala klima subtropikali umduża (Cfa) skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, li hija tip ta' klima rreferuta komunement bħala "kontinentali", bi xtieqi ħorox u sjuf sħan, b'xita qliel fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.

Il-korp leġiżlattiv tal-komuni Taljani huwa l-Kunsill Komunali (Consiglio Comunale), li, fil-bliet b'popolazzjoni ta' bejn 100,000 ruħ u 250,000 ruħ, ikun magħmul minn 32 kunsillier li jiġu eletti kull ħames snin b'sistema proporzjonali, kuntestwalment mal-elezzjonijiet tas-sindku. Il-korp eżekuttiv huwa l-Giunta Comunale, magħmula minn 12-il kunsillier, li jiġi nnominat u ppresjedut minn sindku elett direttament. Is-sindku attwali ta' Ferrara huwa Alan Fabbri tal-Lega Nord. L-organizzazzjoni urbana hija rregolata mill-Kostituzzjoni Taljana (l-Artikolu 114), mill-Istatut Muniċipali u minn diversi liġijiet, b'mod partikolari d-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 jew it-Test Uniku dwar l-Amministrazzjoni Lokali (Testo Unico degli Enti Locali).

It-tqassim attwali tas-siġġijiet fil-kunsill lokali, wara l-elezzjoni lokali tal-2019, huwa kif ġej:

  • il-Lega Nord – 14
  • il-Partit Demokratiku – 8
  • Cambio Ferrara (Ċentru Lemin) – 3
  • Forza Italia – 2
  • Fratelli d'Italia – 1
  • Gente a Modo (Ċentru Xellug) – 1

Pajsaġġ urban

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell imponenti tal-Familja D'Este, li jinsab fil-qalba tal-belt, huwa l-iktar bini ikoniku ta' Ferrara. Huwa binja residenzjali kbira ħafna b'erba' bastjuni kbar u ħandaq bl-ilma li nbena fl-1385 mill-arkitett Bartolino da Novara bil-funzjoni li jħares il-belt minn theddidiet esterni u li jservi ta' residenza ffortifikata għall-familja D'Este. Ġie rinnovat b'mod estensiv fis-sekli 15 u 16.

Il-Katidral ta' San Ġorġ, iddisinjat minn Wiligelmo u kkonsagrat fl-1135, huwa wieħed mill-ifjen eżempji ta' arkitettura Rumaneska. Il-katidral ġie rinnovat bosta drabi matul is-sekli, u b'hekk l-istil ekklettiku li jirriżulta huwa taħlita armonjuża ta' struttura ċentrali u portal Rumaneski, il-parti ta' fuq tal-faċċata Gotika u kampnar Rinaxximentali. L-iskulturi tal-portal prinċipali ġew attribwiti lil Niklaw. Il-parti ta' fuq tal-faċċata prinċipali, b'arkati bi ħnejjiet ippuntati, tmur lura għas-seklu 13. L-iljuni tal-irħam faċċata ta' xulxin u għassa mal-portali huma kopji tal-oriġinali, li issa jinsabu fil-mużew tal-katidral. Riljiev elaborat tas-seklu 13 ta' Jum il-Ħaqq jinstab fit-tieni sular tal-loġġa. Minn ġewwa l-katidral ġie rrestawrat bi stil Barokk fl-1712. Il-kampnar tal-irħam attribwit lil Leon Battista Alberti nbeda fl-1412 iżda baqa' qatt ma tlesta għalkollox, u fil-fatt għad jonqsu sular addizzjonali u koppla li kienu ġew ipproġettati abbażi tal-pjanti storiċi u l-pitturi dwar dan is-suġġett.

Ħdejn il-katidral u l-kastell hemm ukoll il-binja muniċipali tas-seklu 15, li kienet serviet ukoll bħala residenza bikrija tal-familja D'Este, b'garigor grandjuż tal-irħam u żewġ statwi antiki tal-bronż ta' Niccolò III u ta' Borso D'Este.

Id-distrett fin-Nofsinhar tal-belt huwa l-eqdem, u fih sensiela ta' sqaqien u toroq dojoq li jmorru lura għall-bidu tal-Medju Evu. Il-Casa Romei x'aktarx li hija l-iktar binja Medjevali ppreservata tajjeb f'Ferrara. Din kienet ir-residenza privata tal-merkant Giovanni Romei, li kien marbut mal-familja D'Este biż-żwieġ, u x'aktarx kienet frott ix-xogħol tal-arkitett tal-qorti Pietrobono Brasavola. Bis-saħħa tas-sorijiet tal-Ordni tal-Corpus Domini, il-biċċa l-kbira tad-dekorazzjonijiet oriġinali fil-kmamar ta' ġewwa ġew salvati. Id-dar fiha ċikli ta' affreski fis-"Sala delle Sibille", fuklar oriġinali tat-terrakotta bl-istemma ta' Giovanni Romei fis-"Saletta dei Profeti" biswitha, b'allegoriji mill-Bibbja, u fi kmamar oħra, li wħud minnhom kienu ġew ikkummissjonati mill-Kardinal Ippolito d'Este, u pitturi mill-iskola ta' Camillo u Cesare Filippi (is-seklu 16).

Il-Palazzo Schifanoia ("sans souci") inbena fl-1385 għal Alberto V d'Este. Dan il-palazz jinkludi affreski dwar il-ħajja ta' Borso d'Este, is-sinjali taż-żodjaku u rappreżentazzjonijiet allegoriċi tax-xhur. Il-vestibolu kien iddekorat bl-istukko minn Domenico di Paris. Il-binja fiha wkoll kotba fini tal-kor b'minjaturi u kollezzjoni ta' muniti u medalji Rinaxximentali. Il-Palazzo Paradiso Rinaxximentali, li huwa parti mis-sistema tal-librerija tal-Università ta' Ferrara, jeżebixxi parti mill-manuskritt tal-Orlando furioso u ittri ta' Tasso kif ukoll il-qabar ta' Ludovico Ariosto. Fost l-istudenti famużi li studjaw hemm kien hemm Nicolaus Copernicus u Paracelsus.

Id-distrett fit-Tramuntana tal-belt, li żdied minn Erkole I fl-1492–1505 bis-saħħa tal-pjan direzzjonali ewlieni ta' Biagio Rossetti, u b'hekk imsejjaħ l-Addizione Erculea, fih għadd ta' binjiet Rinaxximentali. Fost l-ifjen hemm il-Palazzo dei Diamanti (il-Palazz tad-Djamanti), li ngħata ismu għall-ponot qishom tad-djamanti tal-faċċata tal-binja. Il-binja tospita l-Gallerija tal-Arti Nazzjonali, b'kollezzjoni kbira tal-iskola ta' Ferrara, li saret prominenti għall-ewwel darba fl-aħħar nofs tas-seklu 15, b'Cosimo Tura, Francesco Cossa u Ercole dei Roberti. Fost il-pitturi ewlenin tal-Iskola ta' Ferrara fis-seklu 16 kien hemm Lorenzo Costa, Dosso Dossi, Girolamo da Carpi u Benvenuto Tisi (il Garofalo). Id-distrett jospita wkoll il-Ġnien Botaniku tal-Università ta' Ferrara.

Parks u ġonna

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-belt għadu mdawwar kważi għalkollox b'disa' kilometri ta' swar antiki tal-brikks, li nbnew l-iktar bejn l-1492 u l-1520. Illum il-ġurnata s-swar, wara restawr bir-reqqa, jiffurmaw park urban kbir madwar il-belt u huma destinazzjoni popolari għall-ġiri u għaċ-ċikliżmu.

Fl-2007, kien hemm 135,369 resident f'Ferrara, u 46.8 % minnhom kienu rġiel u 53.2 % kienu nisa. L-ammont ta' minorenni (tfal taħt l-età ta' 18-il sena) kien ilaħħaq total ta' 12.28 % tal-popolazzjoni, filwaqt li l-pensjonanti kienu jammontaw għal 26.41 %. Dan huwa paragonabbli mal-medja Taljana ta' 18.06 % (minorenni) u ta' 19.94 % (pensjonanti). L-età medja tar-residenti ta' Ferrara hija 49 sena, meta mqabbla mal-medja Taljana ta' 42 sena. Fil-ħames snin bejn l-2002 u l-2007, il-popolazzjoni ta' Ferrara kibret bi 2.28 %, filwaqt li l-popolazzjoni tal-Italja inġenerali kibret bi 3.85 %. Ir-rata tat-twelid attwali ta' Ferrara hija li jitwieldu 7.02 għal kull 1,000 abitant, meta mqabbla mal-medja Taljana fejn jitwieldu 9.45 għal kull 1,000 abitant. Ferrara hija magħrufa bħala l-iktar belt anzjana b'popolazzjoni ta' iktar minn 100,000 anzjan, kif ukoll bħala l-belt bl-iktar rata tat-twelid baxxa.

Mill-2006, 95.59 % tal-popolazzjoni kienu Taljani. L-ikbar grupp ta' immigranti kien jiġi minn nazzjonijiet Ewropej oħra flimkien mal-Ukrajna u l-Albanija: 2.59 %, segwiti bit-Tramuntana tal-Afrika: 0.51 %, u l-Lvant tal-Asja: 0.39 %. Il-maġġoranza tal-belt huma Kattoliċi Rumani, u hemm ftit Kristjani Ortodossi. Il-komunità Lhudija storika għadha teżisti wkoll.

Ferrara hija ġemellata ma':

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ferrara, City of the Renaissance, and its Po Delta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-21.