Riżerva Naturali ta' Selous
Ir-Riżerva Naturali ta' Selous, magħrufa parzjalment ukoll bħala l-Park Nazzjonali ta' Nyerere, hija żona protetta fin-Nofsinhar tat-Tanzanija. Tkopri erja totali ta' 50,000 km2 (19,000 mil kwadru) u għandha erba' żoni ta' lqugħ addizzjonali. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982 minħabba d-diversità tal-organiżmi selvaġġi u n-natura mhux mittiefsa tagħha.[1] Uħud mill-organiżmi selvaġġi tar-riżerva jinkludu l-iljunfant Afrikan, ir-rinoċeront iswed Ċentrali u tan-Nofsinhar, l-ippopotamu, l-iljun, il-kelb selvaġġ Afrikan, il-buflu Afrikan, il-ġiraffa ta' Masai, iż-żebra tal-pjanuri u l-kukkudrill tan-Nil. L-abitazzjoni umana permanenti hija pprojbita fi ħdan ir-riżerva. Id-dħul u l-ħruġ tal-bnedmin jiġu kkontrollati mid-Diviżjoni tan-Natura Selvaġġa tal-Ministeru għar-Riżorsi Naturali u t-Turiżmu tat-Tanzanija.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona tar-riżerva ġiet iddeżinjata għall-ewwel darba bħala żona protetta fl-1896 mill-Gvernatur Ġermaniż ta' Tanganyika Hermann von Wissmann, u saret riżerva tal-kaċċa fl-1905. Ir-riżerva ngħatat isem Frederick Selous, kaċċatur famuż tal-annimali kbar u konservazzjonist bikri, li miet f'Beho Beho f'dan it-territorju fl-1917 hu u jiġġieled kontra l-Ġermaniżi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-esploratur u l-kartografu Skoċċiż Keith Johnston kien miet f'Beho Beho fl-1879 hu u jmexxi spedizzjoni tas-Soċjetà Ġeografika Rjali lejn il-Lagi l-Kbar tal-Afrika flimkien ma' Joseph Thomson.
Mill-2005, iż-żona protetta bdiet titqies bħala Unità tal-Konservazzjoni tal-Iljuni.[2]
Ġiet approvata bidla fil-konfini tar-riżerva sabiex jitħalla l-użu ta' depożiti tal-uranju. L-approvazzjoni għall-bidla fil-konfini ngħatat mill-UNESCO u ġiet ikkritikata b'mod aħrax mill-ambjentalisti u minn organizzazzjonijiet bħan-Network tal-Uranju[3] u s-Salvataġġ tal-Foresti Tropikali.[4]
Il-President tat-Tanzanija John Magufuli ta approvazzjoni għall-kostruzzjoni ta' Impjant ġdid tal-Enerġija Idroelettrika fil-Fondoq ta' Stiegler ta' 2,115-il MW fuq ix-xmara Rufiji.[5] L-impjant tal-enerġija rriżulta f'2,100 MW addizzjonali ta' elettriku, u b'hekk iktar milli ttripla l-kapaċità idroelettrika installata tat-Tanzanija ta' 562 MW.[6] Il-proġett beda fis-26 ta' Lulju 2019 u tlesta sal-2022. L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ikkritikat il-Gvern tat-Tanzanija talli naqas milli jqis l-impatt tal-għargħar ta' kważi 1,000 kilometru kwadru, kemm fuq in-nies kif ukoll fuq il-bijodiversità tar-riżerva. Eluf ta' nies jiddependu fuq ix-xmara għas-sajd u għall-agrikoltura.[7] Partijiet mir-Riżerva Naturali ta' Selous jistgħu jitqiesu bħala żoni naturali mhux mittiefsa. Il-Ġermaniżi qatt ma mmappjaw il-baċir tal-għargħar tax-xmara Rufiji, u fl-1917, spedizzjoni mmexxija mil-Logutenent E. William Boville ddeskriviet dik iż-żona bħala "mhux abitabbli".[8]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fost il-postijiet interessanti fir-riżerva hemm ix-xmara Rufiji, li tnixxi fl-Oċean Indjan faċċata tal-Gżira ta' Mafia u l-Fondoq ta' Stiegler, kanjon fond 100 metru u wiesa' 100 metru. Il-ħabitats jinkludu l-bwar tal-ħaxix, is-savanna tipika tal-Acacia, l-artijiet mistagħdra u l-boskijiet estensivi ta' Miombo. Għalkemm il-popolazzjonijiet totali tal-organiżmi selvaġġi huma għoljin,[9] ir-riżerva hija kbira u d-densitajiet tal-annimali hija iktar baxxa miċ-ċirkwit turistiku tat-Tramuntana tat-Tanzanija li normalment iżuruh ferm iktar nies.[10] Fl-1976, ir-Riżerva Naturali ta' Selous kien fiha madwar 109,000 iljunfant; dak iż-żmien l-ikbar popolazzjoni ta' iljunfanti fid-dinja.[11] Sal-2013, l-għadd naqas saħansitra għal 13,000 iljunfant – inkluż tnaqqis ta' 66 % mill-2009 sal-2013. Diversi sorsi jixħtu l-ħtija fuq il-politiċi, l-uffiċjali u n-negozjanti korrotti li jgħinu lin-nassaba.[12]
Il-biċċa l-kbira tar-riżerva għadha mwarrba għall-kaċċa tal-annimali selvaġġi permezz ta' għadd ta' konċessjonijiet tal-kaċċa ġestiti b'mod privat, iżda sezzjoni tat-Tramuntana tal-park tul ix-xmara Rufiji ġiet iddeżinjata bħala żona fotografika u hija destinazzjoni turistika popolari. Hemm diversi lukandi u kampijiet lussużi l-iktar tul is-sistemi tax-xmara u tal-lag f'din iż-żona. L-aċċess pjuttost diffiċli bit-triq ifisser li l-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jaslu b'ajruplan żgħir minn Dar es Salaam, għalkemm l-aċċess bil-ferrovija huwa possibbli wkoll. Is-safaris bil-mixi jitħallew fir-Riżerva Naturali ta' Selous, u l-mawriet bid-dgħajjes fix-xmara Rufiji huma attività popolari.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva Naturali ta' Selous ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Peter Matthiessen and Hugo van Lawick (Photography): Sand Rivers. Aurum Press, Londra, 1981, ISBN 0-906053-22-6.
- Robert J. Ross, The Selous in Africa: A Long Way from Anywhere, Officina Libraria, Milan, 2015, 2016 (it-tieni edizzjoni), ISBN 9788897737643.
- Rolf D. Baldus: Wild Heart of Africa. Rowland Ward Publications, Johannesburg, 2009, ISBN 9780980262674.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Selous Game Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
- ^ IUCN Cat Specialist Group (2006). Conservation Strategy for the Lion Panthera leo in Eastern and Southern Africa. Pretoria, l-Afrika t'Isfel: IUCN.
- ^ "Press Release Re: World Heritage Comittee Decision on Selous Game Reserve Boundary Changes". web.archive.org. 2016-08-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-03. Miġbur 2024-01-08.
- ^ "UNESCO sacrifices wildlife preserve for uranium mine". www.rainforest-rescue.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
- ^ "Tanzania to Construct Hydropower Plant on National Reserve". Voice of America (bl-Ingliż). 2019-07-26. Miġbur 2024-01-08.
- ^ "Tanzania launches Rufiji power plant". The East African (bl-Ingliż). 2020-07-05. Miġbur 2024-01-08.
- ^ Fair, James (2019). "African reserve threatened by dam". BBC Wildlife. p. 51.
- ^ Geographical Journal, Vol. 50, Ħarġa 4 (1917), pp. 277-283.
- ^ "Riżerva Naturali ta' Selous" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-01-14. Miġbur 2024-01-08.
- ^ Baldus, Rolf D. (2009). Wild Heart of Africa. The Selous Game Reserve in Tanzania. Johannesburg: Rowland Ward Publications. ISBN 978-0-9802626-7-4.
- ^ "Is-Seħta tal-Avorju" (PDF).
- ^ Schiffman, Richard (2014) "Ivory feeds Africa's wars", The New Scientist, Vol. 222, Nru 2969, p. 10.