Siti tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Kondoa
Is-Siti tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Kondoa jew is-Siti tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Kondoa Irangi huma sensiela ta' siti tal-qedem tat-tpittir fuq il-blat fit-Tanzanija ċentrali. Is-siti tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006 minħabba l-kollezzjoni impressjonanti ta' arti fuq il-blat.[1][2][3] Dawn is-siti ssejħu bħala monumenti nazzjonali fl-1937 mid-Dipartiment tal-Antikitajiet tat-Tanzanija. Is-siti tat-tpittir fuq il-blat jinsabu bejn wieħed u ieħor disa' kilometri fil-Lvant tal-awtostrada prinċipali (T5) li tmur minn Dodoma għal Babati, madwar 20 kilometru fit-Tramuntana tar-raħal ta' Kondoa, fid-Distrett ta' Kondoa tar-Reġjun ta' Dodoma, it-Tanzanija. Il-konfini tas-sit huma mmarkati b'arbli tal-konkos. Is-sit ġie rreġistrat bħala Sit Storiku Nazzjonali tat-Tanzanija.[4]
Il-pajsaġġ ta' dawn l-inħawi huwa kkaratterizzat minn borġ ġebel kbir tal-granit fuq xulxin li jiffurmaw it-tarf tal-Punent tal-isteppa tal-Maasai u li jiffurmaw postijiet imkennija tal-blat li jħarsu n-naħa opposta tal-irjieħ prevalenti.[5] Dawn il-postijiet imkennija spiss għandhom uċuħ ċatti minħabba l-attività tettonika, u dawn l-istrutturi kienu ideali għat-tpittir. Minħabba l-pożizzjoni tagħhom kontra l-irjieħ prevalenti, baqgħu protetti mill-erożjoni mir-riħ.
Dan it-tpittir għadu jagħmel parti minn tradizzjoni ħajja ta' ħolqien u ta' użu kemm mill-poplu Sandawe fiċ-ċerimonji ta' fejqan simbó tagħhom kif ukoll mill-poplu Maasai fiċ-ċerimonji ritwali tagħhom. L-importanza u l-użu persistenti tas-siti u tal-arti tagħhom jissuġġerixxu li kien hemm kontinwità kulturali bejn id-diversi gruppi etniċi u lingwistiċi tal-popli li rresjedew fl-inħawi tul iż-żmien.[6]
Għall-ħabta tal-1970, il-poplu Sandawe kien għadu qed jagħmel it-tpittir fuq il-blat. Ten Raa wettaq stħarriġ dwar ir-raġunijiet għalfejn jagħmluhom. Huwa kklassifika dawn ir-raġunijiet bħala maġiċi (tpittir tal-annimal li l-pittur kien beħsiebu joqtol), aleatorji, u bħala sagrifiċċju (fuq għoljiet spiritwali speċifiċi tal-popli bi tpittir ta' ċerimonji tal-fejqan u ta' talb għax-xita).[7]
It-tpittir jirrappreżenta nies imtawlin, annimali u xeni tal-kaċċa. It-tpittir tal-qedem tat-"tradizzjonali naturalistika" ġeneralment huwa aħmar u huwa assoċjat mal-kaċċaturi-ġemmiegħa, mhux biss f'Kondoa iżda fir-reġjuni kollha ta' Singida, Mara, Arusha u Manyara tat-Tanzanija. It-tpittir tat-"tradizzjoni naturalistika" sikwit huwa sovraimpost minn stil iktar reċenti ta' tpittir "abjad aħħari", li spiss jirrappreżenta l-bhejjem tal-ifrat, u dan ġie attribwit lill-bdiewa Bantu u huwa maħsub li sar wara l-espansjoni Bantu fl-inħawi. It-tpittir "abjad u aħmar" ġie attribwit lir-rgħajja Kuxitiċi u Nilotiċi. Għajr għat-tpittir maħluq reċentement, ma hemm l-ebda evidenza diretta għad-datazzjoni. Bwasiri u Smith jindikaw li ċ-ċerimonji tat-talb għax-xita tal-poplu Sandawe huma ta' oriġini Bantu, u rriżultaw minn storja twila ta' kuntatt kulturali mal-poplu Bantu u ma' popli oħra, u jissuġġerixxu kawtela fl-użu tal-evidenza etnografika reċenti għall-interpretazzjoni tal-istorja tal-arti.
Is-sit ta' Kisese II, fl-inħawi ta' Kondoa, fih arti tat-"tradizzjoni naturalistika" mal-ħitan, u evidenza ta' okkupazzjoni mal-art li tmur lura għal iktar minn 40,000 sena ilu.
L-eks President tal-Afrika t'Isfel Nelson Mandela stqarr li "l-arti fuq il-blat tal-Afrika hija wirt komuni tal-Afrikani kollha, iżda hija ħafna iktar minn hekk. Hija l-wirt komuni tal-umanità".[2]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Siti tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Kondoa ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Fi ħdan il-konfini ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hemm bosta komponenti individwali. Huwa stmat li l-għadd ta' postijiet imkennija bit-tpittir fuq il-blat fir-reġjun ivarja bejn 150 u 450 post. Iż-żewġ komponenti li ġejjin huma ġabra tal-iżjed postijiet importanti, notevoli jew skavati sew.
Kisese II
[immodifika | immodifika s-sors]Il-post imkenni msejjaħ Kisese II jagħmel parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-reġjun ta' Kondoa tat-Tanzanija. Dan il-komponent fih ġabra ta' tpittir tranżizzjonali minn Żmien il-Ħaġar Nofsani għal Aħħari. Il-post imkenni ppreserva diversi pitturi fuq il-blat, żibeġ, ħaġar litiku, bċejjeċ tal-fuħħar u artefatti oħra. Jiġi studjat għall-ħjiel li jagħti rigward it-tranżizzjonijiet soċjali ewlenin li seħħew fil-Plejstoċen Aħħari u fl-Oloċen.[8] Is-sit kien intuża wkoll għad-dfin ta' seba' individwi tal-Oloċen. Ma tantx jeżistu wisq siti datati sew li jkopru dan il-perjodu ta' tranżizzjoni, għaldaqstant l-iskavi ta' Kisese II kienu informattivi ferm. L-għadd sinifikanti ta' żibeġ tal-qxur tal-bajd tan-nagħma ntużaw għad-datazzjoni tas-sit bir-radjokarbonju, u l-eqdem waħda tmur lura għal 46.2-42.7 ka cal qabel il-preżent.[9]
Il-komponent ta' Kisese II beda jiġi skavat minn Mary u Louis Leakey fl-1935, u Raymond Inskeep kabbar is-sit tal-iskavi fl-1956. Inskeep żvela l-kollezzjoni kbira ta' żibeġ tal-qxur tal-bajd tan-nagħma li ppermettew id-datazzjoni tas-sit bir-radjokarbonju, flimkien mal-kważi 6,000 artefatt litiku li nstabu fil-post. In-natura stratigrafika tad-depożizzjonijiet ġiet studjata wkoll minn Inskeep u minn Mary u Louis Leakey f'tentattiv biex jaslu għad-datazzjoni tas-sit.[10]
L-artefatti litiċi f'Kisese II ivarjaw minn laqx għal żibeġ sħaħ, magħmula l-iktar minn ġebel lokali b'bażi ta' kwarzit, u bl-użu tal-metodu ta' Levallois jew il-metodu mikrolitiku ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari. Is-sit jappoġġa l-idea li xi teknoloġiji ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani, bħal dan il-metodu tal-produzzjoni tal-għodod tal-ġebel, ippersista sew anke fi Żmien il-Ħaġar Aħħari. Tryon u oħrajn ipproponew li l-perjodu tranżizzjonali jaf kien jinvolvi minimu ta' 5,000-10,000 sena.
Mungomi wa Kolo (Kolo 1)
[immodifika | immodifika s-sors]Mungomi wa Kolo huwa l-isem lokali għall-komponenti magħruf ukoll bħala Kolo 1. L-arti ta' dan il-post imkenni hija magħmula l-iktar minn tpittir ta' linji fini tal-okra ħamra li juri diversi nies u annimali.
Tpittir
[immodifika | immodifika s-sors]Skoperti ta' Nash
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1929, T. A. M. Nash ippubblika ħarsa ġenerali lejn uħud mit-tpittir bl-okra ħamra li skopera qrib Kondoa-Irangi. Nash irrikonoxxa li l-postijiet imkennija tal-granit kienu post ideali għall-arti fuq il-blat u għaldaqstant għarbel l-għolja kollha għat-tpittir, u wara għaxar minuti diġà kellu l-konferma li kellu raġun. Wieħed mit-tpittir jirrappreżenta figura umana b'biċċa għuda f'idu u iljunfant. Nash ikkummenta dwar il-postura paċifika tal-bniedem impitter, u ddubita li t-tpittir kien maħsub biex jirrappreżenta xena tal-kaċċa. Tpittir ieħor jirrappreżenta ġiraffi, framment possibbilment ta' rinoċeront, figura umanojda magħmula minn ċrieki konċentriċi lejn ir-ras u linji kontinwi minn fuq ir-ras sal-kumplament tal-ġisem, u xi figuri oħra b'rappreżentazzjonijiet mhux ċari.
Etika fl-arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-importanza spiritwali ta' bosta minn dawn il-postijiet imkennija għall-abitanti kontemporanji fl-inħawi, trid tingħata attenzjoni kbira waqt l-iskavi ta' dawn is-siti. Skont id-dokument nru 13 ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-poplu agropastorali lokali Irangi għadhom jużaw uħud minn dawn is-siti għal skopijiet ta' fejqan ritwali. Uħud minn dawn il-prattiki ritwali jingħad li jheddu l-integrità tat-tpittir, bħall-prattika tat-twaddib tax-xaħam imdewweb tal-annimali. Il-gvern tat-Tanzanija għadu jrid jirrikonoxxi s-sistemi tat-twemmin lokali, għaldaqstant hemm tensjoni rigward il-ġestjoni u l-konservazzjoni tas-siti. Din mhix problema iżolata; id-dekolonizzazzjoni tal-arkeoloġija Afrikana inġenerali għadha proġett li għadu għaddej.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Kondoa Rock-Art Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-10.
- ^ a b Coulson, David; Borona, Gloria K. (2013). Rock Art of Kondoa Irangi and Other Attractions. TARA (Trust for African Rock Art). ISBN 978-9966-7453-4-7.
- ^ Netherlands National Commission for UNESCO (2004). World Heritage Papers 13. Pariġi, Franza: UNESCO World Heritage Centre. pp. 82-83.
- ^ "Siti tal-Qedem ta' Kondoa" (PDF).
- ^ Nash, T. A. M. (1929). "Note on the Discovery of Some Rock-Paintings Near Kondoa Irangi in Tanganyika Territory". The Journal of the Royal Anthropological Institute of Great Britain and Ireland. 59: 199–206.
- ^ Bwasiri, Emmanuel J.; Smith, Benjamin W. (2015-10-02). "The rock art of Kondoa District, Tanzania". Azania: Archaeological Research in Africa. 50 (4): 437–459.
- ^ Ten Raa, E. 1974.“A record of some pre-historic and some recent Sandawe rock paintings. Tanzania Notes and Records 75: 9–27.
- ^ "From the Field: Jason Lewis" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-10.
- ^ Tryon, Christian A.; Lewis, Jason E.; Ranhorn, Kathryn L.; Kwekason, Amandus; Alex, Bridget; Laird, Myra F.; Marean, Curtis W.; Niespolo, Elizabeth; Nivens, Joelle; Mabulla, Audax Z. P. (2018-02-28). Petraglia, Michael D. (ed.). "Middle and Later Stone Age chronology of Kisese II rockshelter (UNESCO World Heritage Kondoa Rock-Art Sites), Tanzania". PLOS ONE. 13 (2): e0192029.
- ^ Inskeep, R. R. (1962). The age of the Kondoa rock paintings in the light of recent excavations at Kisese II rock shelter. Musée royal de l'Afrique centrale.