Teatru Rjal
Data meta nħoloq | 1866 |
---|---|
Native label | It-Teatru Rjal |
Pajjiż | Malta |
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstab | Valletta |
Koordinati | 35°53′47″N 14°30′37″E |
Żmien li spiċċa | 1942 |
Avveniment sinifikanti | conflagration |
Arkitett | Edward Middleton Barry |
Date of official opening | 1866 |
Sit uffiċjali | https://culture.gov.mt/en/pjazzateatrurjal/Pages/main.aspx |
State of conservation | demolished or destroyed |
Stat attwali | permanently closed |
It-Teatru Rjal (bl-Ingliż: Royal Opera House jew Royal Theatre; bit-Taljan: Teatro Reale, magħruf kollokjalment ukoll bħala t-Teatru Mwaqqa’, kien teatru fejn jittellgħu l-ispettakli fil-Belt Valletta, Malta. Kien iddisinjat mill-arkitett Ingliż Edward Middleton Barry u nbena fl-1866 bi stil Neo-Klassiku. Fl-1873 it-teatru ġarrab ħsarat estensivi fuq ġewwa minħabba li nħakem min-nirien iżda eventwalment ġie rrestawrat sal-1877. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, it-teatru ntlaqat direttament mill-bumbardamenti mill-ajru, eżattament fl-1942. Qabel ma ġġarraf, kien wieħed mill-iktar binjiet sbieħ u ikoniċi fil-belt kapitali.[1] Wara diversi pjanijiet li qatt ma twettqu biex it-teatru jerġa’ jinbena, il-fdalijiet tiegħu ġew disinjati mill-ġdid mill-arkitett Taljan Renzo Piano u fl-2013 reġa’ beda jiffunzjona bħala post fejn jittellgħu l-ispettakli u ġie msemmi “Pjazza Teatru Rjal”.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Id-disinn tal-binja kien ġie inkarigat bih Edward Middleton Barry, l-arkitett tat-Teatru ta’ Covent Garden, u pjanta klassika tiegħu tlestiet fl-1861.[3][4][5] Il-pjanta oriġinali kellha tiġi alterata minħabba li t-toroq li kienu ġejjin għan-niżla fil-ġnub tat-teatru ma kinux tqiesu. Dan irriżulta fiż-żieda ta’ terrazza fin-naħa ta’ Strada Rjali (bit-Taljan: Strada Reale) li llum hija magħrufa bħala Triq ir-Repubblika ddisinjata minn arkitetti Maltin.
Il-kostruzzjoni tal-binja ta’ 206 piedi (63 metru) b’112-il pied (34 metru) inbdiet fl-1862, wara li twaqqgħet binja magħrufa bħala Casa della Giornata. Wara erba’ snin, it-Teatru Rjal, li kien jiflaħ 1,095 persuna bilqiegħda u 200 persuna bilwieqfa, kien lest għall-ftuħ uffiċjali li sar fid-9 ta’ Ottubru 1866.[6]
Madankollu, it-teatru kellu għomor qasir; fil-25 ta’ Mejju 1873[7], sitt snin biss wara li nfetaħ, inħakem min-nirien.[8] It-teatru minn barra ma ġarrabx ħsarat iżda minn ġewwa l-ġebla ġiet ikkalċifikata bis-sħana intensa tan-nirien.
Ġie deċiż li t-teatru jerġa’ jinbena, u wara l-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti għat-twettiq tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u tar-restawr kif ukoll ħafna indeċiżjonijiet dwar jekk il-faċċata kellhiex tinbidel jew le, it-teatru tlesta. Fil-11 ta’ Ottubru 1877, wara kważi erba’ snin u nofs min-nirien, it-teatru reġa’ nfetaħ bi spettaklu tal-Aida ta’ Giuseppe Verdi.
Xi 65 wara, it-Teatru Rjal reġa’ kellu xorti ħażina ferm:
It-Tlieta filgħaxija, is-7 ta’ April 1942, it-teatru nqered mill-bumbardamenti tal-inġenji tal-ajru tat-tip Luftwaffe. L-għada filgħodu, malli n-nies ħarġu jispezzjonaw l-eżitu tal-bumbardamenti fuq it-teatru nazzjonali tagħhom qabdithom għafsa ta’ qalb kif raw x’kien fadal minnu.... Il-portiku u l-awditorju kienu saru borġ ġebel, u s-saqaf kellu toqba kbira u x-xorok tiegħu li kien fadal kienu kollha mgħawġin. Madankollu, in-naħa ta’ wara tat-teatru fejn il-kolonni u l-ħnejjiet kienet għadha sħiħa (traduzzjoni mhux uffiċjali).[9]
L-istrutturi instabbli li kien għad fadal tat-Teatru Rjal twaqqgħu lejn l-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20 bħala prekawzjoni ta’ sikurezza. Jingħad ukoll li l-priġunieri tal-gwerra Ġermaniżi f’Malta offrew li jergħu jibnu t-teatru mill-ġdid fl-1946 iżda l-gvern irrifjuta minħabba pressjoni mit-trade unions; x’aktarx li r-raġuni l-iktar probabbli kienet li l-ebda wieħed mill-priġunieri tal-gwerra ma kellu ħiliet jew kwalifiki fil-kostruzzjoni.
Kulma kien fadal mit-Teatru Rjal kienu t-terrazza u partijiet mill-kolonni u l-ħnejjiet.
Fdalijiet tas-sit u pjanijiet ta’ rikostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm is-sit ibbumbardjat ġie mnaddaf mit-tiġrif u mill-iskulturi dekorattivi li kien għad fadal, ir-rikostruzzjoni ġiet posposta darba wara l-oħra mill-gvernijiet suċċessivi ta’ wara l-gwerra, favur proġetti ta’ rikostruzzjoni li l-ħtieġa tagħhom tqieset li kienet iktar urġenti.
Fl-1953, sitt arkitetti rinomati ressqu d-disinni għal teatru ġdid. Il-Kumitat tal-Għażla għażel il-proġett ta’ Zavellani-Rossi u rrakkomanda li jiġi aċċettat mill-gvern, soġġett għal ċerti alterazzjonijiet. Il-proġett iżda waqaf ħesrem meta l-Partit Laburista reġa’ ġie elett fil-gvern, peress li sostna li ma kienx f’pożizzjoni li jonfoq daqstant flejjes fuq teatru meta kien hemm bosta proġetti oħra li kienu jeħtieġu l-attenzjoni wkoll. Għalkemm ġew allokati 280,000 sterlina għar-rikostruzzjoni tat-teatru fil-baġit tal-1955-1956, dawn il-flejjes qatt ma ntużaw. Fl-1957, il-proġett baqa’ fuq l-ixkaffa u wara l-1961 tneħħew ir-referenzi kollha għat-teatru fil-pjanijiet tal-iżvilupp tal-pajjiż.
Fis-snin 80 tas-seklu 20, ġie kkuntattjat l-arkitett Renzo Piano biex jiddisinja binja li kellha tinbena fis-sit tat-Teatru Rjal u biex tiġi rinnovata d-daħla tal-Belt Valletta. Piano ressaq il-pjanti li ġew approvati mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern fl-1990 iżda x-xogħol qatt ma nbeda. Fl-1996, il-Partit Laburista ġie elett fil-gvern u ħabbar li r-rikostruzzjoni tas-sit kienet se twassal biex jinbena kumpless kummerċjali u kulturali flimkien ma’ parkeġġ tal-karozzi taħt l-art, u dan kien se jkun il-proġett tal-millenju għal Malta. Fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, l-arkitett Malti Richard England ġie kkummissjonat ukoll biex iwettaq pjanti għal ċentru kulturali. Madankollu, kull darba li xi proġett kien forsi jasal biex jitqies li jitwettaq, il-kontroversji kienu joħonquh u kollox kien imut fuq ommu.
Pjazza Teatru Rjal
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2006, il-Partit Nazzjonalist fil-gvern ħabbar proposta biex is-sit jiġi żviluppat mill-ġdid għal binja tal-Parlament ta’ Malta, li sa dak iż-żmien kien jopera fl-eks Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Il-proposta ma tantx intogħġbot peress li l-ħsieb dejjem kien li s-sit eventwalment kien se jiġi żviluppat f’binja ta’ istituzzjoni kulturali. Madankollu, Renzo Piano reġa’ ġie kkuntattjat mill-ġdid u huwa beda jaħdem fuq disinni ġodda.
Il-proposta reġgħet tpoġġiet fuq l-ixkaffa sa wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2008, u fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi reġa’ ta ħajja lill-proposta b’baġit ta’ €80 miljun. Piano pperswada lill-gvern biex ma jinbeniex Parlament fis-sit tat-Teatru Rjal, u minflok il-bini tal-Parlament jiġi ppjanat f’Misraħ il-Ħelsien flimkien ma’ mmudellar mill-ġdid ta’ Bieb il-Belt. Piano ppropona li l-fdalijiet tat-Teatru Rjal jiġu kkonvertiti f’teatru fil-beraħ.
L-iżvilupp tat-teatru skont id-disinni ta’ Renzo Piano kienu ferm kontroversjali.[10] Madankollu, il-gvern xorta baqa’ għaddej bil-pjanijiet stabbiliti u t-teatru fil-beraħ ġie inawgurat uffiċjalment fit-8 ta’ Awwissu 2013.[11] It-teatru ġie msemmi “Pjazza Teatru Rjal”, isem li jintuża kif inhu anke bl-Ingliż.[12]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Badger, George Percy (1869). Historical Guide to Malta and Gozo. Calleja. pp. 218–219.
- Gauci, M. (2009). "New Light On Webster Paulson and his Architectural Idiosyncrasies". Proceedings of History Week (PHW). 12 (9): 137–150. ISBN 978-99932-7-400-1.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ ""Valletta's Royal Opera House, from glamour to rubble". The Man Who Went To Malta". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-04. Miġbur 2021-05-13.
- ^ "Pjazza Teatru Rjal - Il-Ministeru għall-Kultura ta' Malta". culture.gov.mt (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-02-01. Miġbur 2021-05-13.
- ^ Borg, Malcolm (2001). British Colonial Architecture: Malta, 1800-1900. Publishers Enterprises Group. p. 138. ISBN 978-9990903003.
- ^ "Maltese anger at plans to rebuild Valletta". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-05-13.
- ^ Rix, Juliet (2015). Malta and Gozo. Bradt Travel Guides. p. 118. ISBN 978-1784770259.
- ^ "Denaro, Victor F. (1959). Houses in Kingsway and Old Bakery Street, Valletta. Melita historica. Journal of the Malta Historical Society. 2 (4). p. 202". Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-17. Miġbur 2021-05-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Denaro, Victor F. (1959). Houses in Kingsway and Old Bakery Street, Valletta. Melita historica. Journal of the Malta Historical Society. 2 (4). p. 202". Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-17. Miġbur 2021-05-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ L-Arkitett Andrea Vassallo. p. 228.
- ^ Bonnici, Joseph; Cassar, Michael (1990). The Royal Opera House – Malta. Gutenberg Press. p. 79.
- ^ "Mallia, Nicholas. David Felice (ed.). "Chalet" (PDF). The Architect. Media Today: 11" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-01-20. Miġbur 2021-05-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Valletta's open theatre officially inaugurated". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-13.
- ^ "Pjazza Teatru Rjal to host arts festival". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-13.